Li jipprovdi faċilitajiet ta’ iskrizzjoni għal organizzazzjonijiet li jkunu eliġibbli għal-iskrizzjoni skont dan l-Att;
Li jissorvelja l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet volontarji sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u kwalunkwe regolament magħmul taħtu;
Li jipprovdi lill-organizzazzjonijiet volontarji b’informazzjoni dwar il-benefiċċji u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mil-iskrizzjoni tagħhom bħala persuni ġuridiċi skont it-Tieni Skeda tal-Kodiċi Ċivili u mir-reġistrazzjoni skont dan l-Att;
Li jipprovdi informazzjoni u linji gwida lil persuni li jwettqu xogħol volontarju u lil membri ta’ organizzazzjonijiet volontarji, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu aħjar ir-rwol tagħhom u jiksbu b’mod aktar effettiv l-objettivi tal-organizzazzjonijiet volontarji li jservu fihom;
Li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar liġijiet u politiki favur l-organizzazzjonijiet volontarji, il-voluntiera u x-xogħol volontarju;
Li jassisti lill-Gvern, lid-dipartimenti tal-Gvern, lill-aġenziji pubbliċi u lill-entitajiet ikkontrollati mill-Gvern fil-preparazzjoni u r-reviżjoni ta’ politiki favur l-organizzazzjonijiet volontarji u s-settur volontarju b’mod ġenerali.