Skip to main content

Dwarna

Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji

Il-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji (CVO) jinħatar mill-Ministru responsabbli mill-Politika Soċjali wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Affarijiet Soċjali tal-Kamra tad-Deputati (Kap. 492, Parti III, Artikolu 5). Ir-responsabbiltajiet marbuta mal-kariga tiegħu jinkludu:

Li jipprovdi faċilitajiet ta’ iskrizzjoni għal organizzazzjonijiet li jkunu eliġibbli għal-iskrizzjoni skont dan l-Att;

Li jissorvelja l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet volontarji sabiex jiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att u kwalunkwe regolament magħmul taħtu;

Li jipprovdi lill-organizzazzjonijiet volontarji b’informazzjoni dwar il-benefiċċji u r-responsabbiltajiet li jirriżultaw mil-iskrizzjoni tagħhom bħala persuni ġuridiċi skont it-Tieni Skeda tal-Kodiċi Ċivili u mir-reġistrazzjoni skont dan l-Att;

Li jipprovdi informazzjoni u linji gwida lil persuni li jwettqu xogħol volontarju u lil membri ta’ organizzazzjonijiet volontarji, sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu aħjar ir-rwol tagħhom u jiksbu b’mod aktar effettiv l-objettivi tal-organizzazzjonijiet volontarji li jservu fihom;

Li jagħti rakkomandazzjonijiet lill-Ministru dwar liġijiet u politiki favur l-organizzazzjonijiet volontarji, il-voluntiera u x-xogħol volontarju;

Li jassisti lill-Gvern, lid-dipartimenti tal-Gvern, lill-aġenziji pubbliċi u lill-entitajiet ikkontrollati mill-Gvern fil-preparazzjoni u r-reviżjoni ta’ politiki favur l-organizzazzjonijiet volontarji u s-settur volontarju b’mod ġenerali.

Li jinvestiga kwalunkwe ilment relatat ma’ organizzazzjonijiet volontarji jew ma’ persuni jew organizzazzjonijiet li jidhru li huma organizzazzjonijiet volontarji u l-attivitajiet tagħhom, u li jieħu kull azzjoni li tkun fil-poter tiegħu biex jirrimedja kwalunkwe ilment ġust li jiġi għall-attenzjoni tiegħu;

Li jissorvelja l-promozzjoni tal-organizzazzjonijiet volontarji u l-imġieba tal-amministraturi ta’ dawn l-organizzazzjonijiet sabiex jiżgura l-osservanza ta’ standards għoljin ta’ kontabbiltà u trasparenza, kif ukoll konformità mal-liġi;

Li jikkoordina u jikkomunika mar-Reġistratur tal-Persuni Ġuridiċi skont it-Tieni Skeda tal-Kodiċi Ċivili bil-għan li jiffaċilita l-proċessi ta’ reġistrazzjoni u ta’ inklużjoni fir-reġistru għall-organizzazzjonijiet volontarji;

Li jikkoopera u jappoġġa lill-Kunsill fl-iżvilupp ta’ politiki li jkunu ta’ benefiċċju għas-settur volontarju b’mod ġenerali jew għal kategoriji minnu;

Li jwettaq kull funzjoni jew dmir ieħor li jkun assenjat lilu skont dan l-Att u kwalunkwe regolament magħmul taħtu, kif ukoll funzjonijiet oħra li jistgħu jiġu assenjati lilu taħt kwalunkwe liġi oħra. (Kap. 492, Parti III, Artikolu 7)