Is-Sinjura Joanne Galdes
Head (Central Information Management & Analysis & Technology)
Is-Sinjura Joanne Galdes studjat l-Istudji tan-Negozju, il-‘Banking’ u t-Teknoloġija tal-Informazzjoni, u kisbet id-Diploma fil-‘Banking’ fl-1996 mill-Chartered Institute of Bankers. Hija ħadmet ma’ istituzzjoni bankarja internazzjonali għal ħamsa u għoxrin sena f’diversi
rwoli, fejn irċeviet taħriġ kontinwu relatat mar-rwoli differenti li kienet twettaq. Joanne ġiet appuntata bħala ‘Retail Banking Champion’, ‘Premier Relationship Champion’ u ‘Cyber Security Champion’, li juru l-passjoni tagħha għas-servizz lill-klijent u l-impenn għax-xogħol tagħha.
Joanne ħadmet ukoll bħala Assistant Manager fid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fl-istess istituzzjoni finanzjarja, fejn l-irwol taghha ffoka fuq il-preparazzjoni ta’ dokumentazzjoni għall-EXCO (Executive Committee) għall-membri tal-bord, fejn kienet tippreżenta dejta u analiżi relatata mal-impjegati lill-unitajiet subordinati tal-bank kif ukoll lill-awdituri interni u esterni fuq bażi ta’ kull xahar.
Hija kienet ukoll responsabbli mil-call centre għar-Riżorsi Umani, fejn kienet tilqa’ u tassisti fi mistoqsijiet tal-impjegati u tipprova takkomoda t-talbiet tagħhom skont il-ftehim kollettiv. Joanne kient involuta ukoll fl-organizzazzjoni ta’ programmi ta’ ‘internship’ għall-istudenti u intervisti, eżaminat applikazzjonijiet ta’ reklutaġġi ġodda u ppreparat il-kuntratti tagħhom. Barra minn hekk, ħadet sehem f’diversi seminars u sessjonijiet ta’ taħriġ relatati ma’ ‘Cyber Security’.
Joanne ngħaqdet mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji fl-2021. Hija ħadmet f’diversi sezzjonijiet f’dan l-uffiċċju, fejn kienet taħdem biex ittejjeb is-servizz mogħti lis-settur volontarju, tiltaqa’ ma’ istituzzjonijiet differenti u tivverifika l-obbligi tal-organizzazzjonijiet volontarji lejhom. Hija ħadmet ukoll biex jiġu żviluppati ftehimiet għall-qsim ta’ informazzjoni minflok ma jiġu mitluba dokumenti simili ripetutament, b’hekk issimplifikat il-proċessi. Dan sar wara laqgħat u ‘feedback’ mal-organizzazzjonijiet, li ġew dejjem miżmuma fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
Joanne waqqfet ukoll il-proċess tal-koordinazzjoni regolatorja, fejn issa l-uffiċċju għandu linji gwida definiti dwar kif għandu jopera skont il-kategoriji u s-setturi differenti.
Bħalissa hija, Head Central Information Management & Analysis & Technology u hija responsabbli mill-ġestjoni tar-reġistri elettroniċi u fiżiċi tal-Uffiċċju, l-analiżi tad-dejta, kif ukoll minn kull materja relatata mat-Teknoloġija tal-Informazzjoni inkluż il-‘website’.